22 April 2015

Informazjoni fuq FATCA

Peress li fis-26 ta’ Ġunju, 2014, f’Malta daħlet fis-seħħ liġi ġdida: il-Foreign Account Tax Compliance Act (FATCA), minn dakinhar inbidlu ħafna affarijiet dwar kif wieħed jimla l-formoli tat-taxxa tal-Amerika. Il-FATCA hu ftehim bejn Malta u l-Amerika li bih iż-żewġ gvernijiet qablu li jaqsmu ma’ xulxin informazzjoni dwar accounts finanzjarji li ‘U.S. Persons’ għandhom kemm f’Malta kif ukoll fl-Amerika u pajjiżi oħrajn. Hawnhekk se nipprova nispjega fil-qosor u b’mod li jista’ jifhmu kulħadd kif din il-liġi tista’ taffettwak. Aqra sewwa dawn id-dettalji ħalli tifhem kif int se tiġi affettwat u liema sitwazzjoni tapplika għalik.

Il-gvern Amerikan diġà għandu diversi ftehimiet ma’ ħafna pajjiżi fir-rigward ta’ din il-liġi tal-FACTA, u fil-futur qarib hu mistenni li pajjiżi li sal-lum għadhom ma daħħlux fis-seħħ din il-liġi, se jdaħħluha. Dan ifisser li se jsir kważi impossibbli li U.S. Person tista’ taħbi l-flus tagħha f’pajjiżi barra mill-Amerika, tkun fejn tkun tgħix fid-dinja.

1. Xi tfisser U.S. Person?

U.S. Person hi kwalunkwe persuna li hi:

a) ċittadin Amerikan – jiġifieri persuna li għandha passaport Amerikan. Dan jinkludi persuni li għandhom ċittadinanza doppja (eż. Maltija u Amerikana); jew

b) persuna li għandha Green Card. Din il-persuna tissejjaħ Resident Alien, u għal skopijiet ta’ taxxa, hi kkunsidrata l-istess bħal ċittadin Amerikan. Dan jinkludi wkoll:
persuni li l-Green Card tagħhom skadiet jew tilfuha, jew 
persuni li l-Green Card tagħhom itteħditilhom minn xi Ambaxxata Amerikana fi kwalunkwe pajjiż u ma ngħatawx riċevuta jew ittra li sar hekk; iżda ma jinkludix 
persuna li tkun irċeviet avviż bil-miktub mill-U.S. Citizenship and Immigration Service (USCIS) li l-Green Card tagħha ġiet revokata. Dan ifisser li dik il-persuna m’għadhiex ikkunsidrata iżjed li hi U.S. Person. (ara http://www.IRS.gov/pub/IRS-pdf/p4588.pdf)

2. Kif se taffettwani l-FATCA?

Jekk inti U.S. Person kif definit hawn fuq, il-FATCA se taffettwak kif ġej. Dan japplika kemm jekk qed tgħix f’Malta kif ukoll fi kwalunkwe pajjiż li għandu ftehim mal-Amerika dwar il-FATCA:

a) Il-banek ta’ Malta (u entitajiet finanzjarji oħrajn, bħall-Borża ta’ Malta, kumpaniji tal-insurance jew stockbrokers) se jidentifikaw dawk il-persuni li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ U.S. Person u se jibagħtu d-dettalji dwar l-accounts li għandhom dawk il-persuni lill-gvern Malti, li min-naħa tiegħu se jaqsam din l-informazzjoni mal-Internal Revenue Service (IRS), li hu d-dipartiment tat-taxxa tal-Amerika. Min-naħa tagħhom, l-IRS se jagħmlu l-istess mal-gvern Malta (jiġifieri, se jibagħtu lill-gvern ta’ Malta dettalji dwar accounts li dik il-U.S. Person ikollha l-Amerika). Dan jinkludi kemm il-persuna kellha flus f’kull account, l-imgħax li qalgħet kull sena, u dettalji oħrajn.

b) Il-U.S. Persons huma obbligati bil-liġi Amerikana li jimlew IRS Form 8938 - Statement of Specified Foreign Financial Assets, għal accounts finanzjarji (inklużi bank accounts, time deposits/CDs, stocks, bonds, mutual funds, annuities u insurance contracts) li għandhom barra mill-Amerika, jekk jinqabeż l-ammont imsemmi f’paragrafu c) hawn taħt. Dan għandu jsir kull sena. Il-multa għal min ma jimliex din il-formola hi ta’ $10,000.

c) Dawn li ġejjin huma l-ammonti (threshholds) għal U.S. Persons li jgħixu barra mill-Amerika s-sena kollha jew li għamlu mill-inqas 330 jum (madwar 11-il xahar) jgħixu barra mill-Amerika. Jekk dawn l-ammonti jinqabżu, dak li jkun irid jimla din il-formola. Il-multa għal min ma jimliex din il-formola hi ta’ $10,000. Din il-formola trid tinbagħat kull sena mal-formola tat-taxxa sal-15 ta’ April (jekk ikun hemm xi ħlas ta’ taxxa dovut) iżda mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju jekk tintalab filing extension. Jekk ma jkunx hemm taxxa dovuta u jekk ma tkunx obbligat timla l-formola tat-taxxa għal dik is-sena partikulari, din il-formola m’hemmx bżonn li timtela, anki jekk l-ammonti t’hawn taħt jinqabżu.

Persuni mhux miżżewġin/romol: Jekk il-valur totali tal-assets finazjarji barra mill-Amerika jkun ta’ iktar minn $200,000 fl-aħħar jum tas-sena jew iktar minn $300,000 fi kwalunkwe ħin matul is-sena;

Persuni miżżewġin li jimlew il-formola tat-taxxa tal-Amerika bħala Joint Return: Jekk il-valuri totali tal-assets finazjarji barra mill-Amerika jkun ta’ iktar minn $400,000 fl-aħħar jum tas-sena jew iktar minn $600,000 fi kwalunkwe ħin matul is-sena;

Persuni miżżewġin li jimlew il-formola tat-taxxa tal-Amerika bħala Separate Return: Jekk il-valuri totali tal-assets finazjarji barra mill-Amerika jkun ta’ iktar minn $200,000 fl-aħħar jum tas-sena jew iktar minn $300,000 fi kwalunkwe ħin matul is-sena.

d) Il-U.S. Persons huma wkoll obbligati li jissottomettu online Form TD F 90-22.1 “Report of Foreign Bank and Financial Accounts” (FBAR) jekk l-ammont totali tal-bank accounts tagħhom barra mill-Amerika (inklużi stocks, bonds, mutual funds, annuities u insurance contracts) ikun ta’ aktar minn US$10,000 (jiġifieri madwar €9,250) fi kwalunkwe ħin matul is-sena. Hemm multa għal min ma jissottomettix din l-informazzjoni (l-inqas multa hi ta’ US$10,000). Dan ifisser li kull min jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ U.S. Person irid jimla u jibgħat din il-formola, għax nassumi li kulħadd għandu talinqas €9,250 il-bank hawn Malta. Din il-formola trid timtela online mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju.

3. Ħelsien mit-Taxxa Doppja

Jekk inti U.S. Person kif definit hawn fuq, u qed tgħix Malta, inti suppost li qed tiddikjara d-dħul kollu minn kwalunkwe sors madwar id-dinja, kull sena lill-IRS. Iżda, billi hemm Double Taxation Agreement bejn Malta u l-Amerika:

a) mhux suppost li se tħallas taxxa doppja fuq xogħol u qligħ li tkun għamilt f’Malta u li fuqu qed tħallas it-taxxa Malta. Dan japplika wkoll għal imgħax u dividends;
b) il-pensjoni tas-Social Security mhijiex taxxabbli f’Malta u l-pensjoni tal-irtirar ta’ Malta mhijiex taxxabbli l-Amerika;
c) imgħax iddikjarat l-Amerika u li fuqu tħallset it-taxxa l-Amerika, mhuwiex taxxabbli f’Malta (avolja xorta jrid jiġi ddikjarat). Imgħax iddikjarat f’Malta u li fuqu tħallset it-taxxa Malta, mhuwiex taxxabbli l-Amerika (avolja xorta jrid jiġi ddikjarat).

4. X’għandi nagħmel?

Biex tevita problemi mal-awtoritajiet tat-taxxa Maltin u Amerikani fil-futur, hu rakkomandat li tagħmel dan li ġej:

a) tiċċekkja ma’ kull bank/entità finanzjarja li magħhom għandek flus investiti, biex tara jekk humiex obbligati jirrappurtaw informazzjoni lill-IRS dwar il-kontijiet li għandek magħhom;
b) jekk inti taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ U.S. Person, u għandek kontijiet f’xi bank/entità finanzjarja Maltija jew barra mill-Amerika, u l-ammont totali tagħhom fi kwalunkwe ħin matul is-sena kien ta’ iktar minn US$10,000 (€9,250), għandek timla online Form TD F 90-22.1 “Report of Foreign Bank and Financial Accounts” (FBAR) qabel it-30 ta’ Ġunju;
c) jekk it-total tal-kontijiet kollha li għandek fil-banek/entitajiet finanzjarji Maltin/barra mill-Amerika jaqbeż l-ammonti msemmija għall-IRS Form 8938 - Statement of Specified Foreign Financial Assets hawn fuq, għandek timla u tibgħat din il-formola malajr kemm jista’ jkun.
d) tiddikjara l-imgħax/dividends/pensjonijiet tal-union/pensjonijiet oħrajn (imma mhux tas-Social Security) u qligħ ieħor li għandek dieħel mill-Amerika fuq il-formola tat-taxxa ta’ Malta.
e) Tħallas il-Final Withholding Tax fuq l-imgħax/dividends kollha lokali, għax jekk le, jista’ jagħti l-każ li jkollok tħallas rata ogħla ta’ taxxa fuq il-formola tat-taxxa Amerikana.

Nissuġġerixxi li titkellem mal-Compliance Officer/Manager ta’ kull bank/entità finanzjarja li għandek xi account magħha, jew ma’ xi ħadd (pereżempju xi ħadd fid-Dipartiment tat-Taxxa ta’ Malta) li jifhem fuq din il-liġi tal-FATCA, biex tara kif se taffettwak. Jekk tal-bank jgħidulek li m’intix imniżżel fir-records tagħhom bħala U.S. Person kif definit hawn fuq, dan ma jfissirx li għandek isserraħ rasek, għax malli tiftaħ xi account ġdid fi kwalunkwe bank, suppost li se tiġi mistoqsi jekk intix ċittadin Amerikan jew jekk għandekx Green Card, u se tintalab tiffirma formola (jew W-9 jew W8-BEN, skont jekk intix ċittadin Amerikan jew Green Card holder). Jekk dan jiġri, jien qed nassumi li kull account li għandek f’dak il-bank se jiġi aġġornat u mmarkat li hu ta’ U.S. Person, u jekk tkun immarkat hekk f’bank wieħed, iċ-ċansijiet huma li llum jew għada, kull account li għandek Malta se jkun immarkat li hu ta’ U.S. Person, u b’hekk il-FATCA tibda tapplika għalik. Illum, bis-software li għandhom il-banek, hu faċli ħafna li jsibu l-informazzjoni kollha li jridu jsibu dwarek. 

5. Hemm xi mod kif nista’ neħlisha minn din il-liġi tal-FATCA jekk jien U.S. Person?

Safejn naf jien hemm mod wieħed biss biex tagħmel dan – li tiċħad il-Green Card jew iċ-ċittadinanza Amerikana tiegħek.

Biex tiċħad il-Green Card, trid timla u tibgħat INS Form I-407 flimkien mal-Green Card tiegħek. Ma trid tħallas xejn biex tagħmel din il-proċedura. Din il-proċedura teħilsek minn kull effett tal-FATCA, iżda, jekk tiċħad il-Green Card, mhux se tkun tista’ timla aktar il-formola tat-taxxa tal-Amerika biex iġġib lura t-taxxa ta’ 30% li tkun inżammitlek minn fuq is-Social Security benefits li tirċievi mill-Amerika.

Biex tiċħad iċ-ċittadinanza Amerikana tiegħek, il-proċess hu iktar twil u kkumplikat u hemm spiża ta’ $2,350 biex tapplika biex tiċħadha. Jista’ jkollok tħallas ukoll taxxa speċjali (exit tax) jekk għandek net worth għolja.

Minħabba din il-liġi tal-FATCA, il-formola tat-taxxa tal-Amerika saret iktar ikkumplikata u tieħu ħafna iktar ħin biex timtela. Li taħbi jew tigdeb fuq xi account jew ma tirrappurtax xi ammonti ta’ qligħ li suppost li tiddikjara, se jfisser biss li llum jew għada tkun qed iġġib il-ġebla fuq saqajk, u bil-mezzi li hawn illum, hemm ċans kbir li tinqabad. Jien ma rrid inbeżża’ lil ħadd, imma nħossni fid-dmir li lil dak li jkun nurih l-istampa kollha u l-konsegwenzi kollha li jista’ jiffaċċja, u nħalli lilu jiddeċiedi jekk iridx jorqod rasu mistrieħa jew joqgħod jinkwieta u jħammem il-ħin kollu jekk hux se jinqabad. L-għażla hi f’idejk, u f’idejk biss. Issa għandek l-informazzjoni kollha. 

No comments:

Post a Comment