06 June 2014

Festival Barokk għal Gżira Barokka - lecture minn Kenneth Zammit Tabona

Fil-15 ta’ Mejju 2014, l-Ambaxxata tar-Repubblika ta’ Malta f’Washington D.C., b’kollaborazzjoni mad-Delegazzjoni tal-UE fl-Istati Uniti, kellha l-pjaċir li torganizza lecture minn Kenneth Zammit Tabona, il-Viċi President tat-Teatru Manoel, fuq l-identità barokka ta’ Malta, b’konnessjoni ukoll mal-Valletta International Baroque Festival, li huwa d-Direttur Artistiku tagħha. 

Dan il-lecture kien ir-riżultat ta’ laqgħat li l-Ambaxxatur Micallef kellha mad-Delegazzjoni tal-UE dwar is-suġġett tal-kultura ftit wara li waslet f’Washington, fejn kienet iddiskutiet ix-xewqa tagħha li l-Valletta International Baroque Festival u l-identità barokka ta’ Malta b’mod aktar ġenerali jkunu magħrufa aħjar min-nies ta’ D.C..

L-esperta tal-mużika storika Tina Chancey u l-kollegi tagħha mal-ewwel ħolqu l-atmosfera billi daqqew sonata mill-kompożitur Malti Michelangelo Vella (1710-1792), li kienet l-ewwel darba li qatt semgħuha udjenzi Amerikani.

Is-Sur Zammit Tabona imbagħad afaxxini l-udjenza bit-taħdita tiegħu fuq l-istorja w il-kultura ta’ Malta. Iffoka speċjalment fuq il-perjodu tal-Kavallieri ta’ Malta u kif dawn kienu ġew Malta u mhux talli baqgħu fuq il-Gżira iżda iffjorixxew u għamlu lil Malta attur ewlieni fix-xena kulturali tal-Ewropa fis-sekli sbatax u tmintax. Spjega kif il-belt Valletta kienet mibnija u tkellem dwar l-maestà tat-Teatru Manoel. Wara li kien pinġa stampa daqstant dettaljata, is-Sur Zammit Tabona mbagħad spjega l-kunċett tal-Valletta International Baroque Festival u qal kif Valletta ġiet magħżula bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-sena 2018.

In-nies fl-udjenza mbagħad kellhom l-opportunità li jistaqsu xi mistoqsijiet lis-Sur Zammit Tabona dwar dan is-suġġett u biex jitkellmu miegħu b’mod aktar informali matul riċeviment ċkejken li ġie organizzat wara t-taħdita. Fuljetti promozzjonali dwar Malta kienu disponibbli għall-parteċipanti tal-avveniment matul il-lejla.

Il-lecture kien organizzat bħala parti mill-programm Conversations in Culture tad-Delegazzjoni tal-UE, li huwa serje kulturali li jsir kull xahar fil-Delegazzjoni tal-UE mniedi sabiex jenfasizza l-kulturi diversi tat-28 Stat Membru tal-UE. Il-lecture ifforma wkoll parti mill-programm tal-hekk imsejjaħ Xahar Ewropew tal-Kultura, li qed jiġi organizzat għat-tieni darba matul ix-xahar ta’ Mejju mid-Delegazzjoni tal-UE.

L-Ambaxxata tixtieq tirringrazzja t-Teatru Manoel, u speċjalment lil-President tat-Teatru, Michael Grech, tal-għajnuna li taw sabiex dan l-avveniment seta’ jsir.



No comments:

Post a Comment